Il-Knisja u l-komunità gay ma jistgħux jitqiesu bħala ħobża u sikkina. Ħafna persuni gay iħossu li l-Knisja hi riġida żżejjed fil-konfront tagħhom u t-twemmin nisrani minnu nnifsu jagħlqilhom il-bieb tal-fidi.
F’dan l-isqaq mudlam li jqanqal ħafna dibattiti, il-grupp Drachma qed jipprova jfittex id-dawl.
Clayton Mercieca ta’ 22 sena, rappreżentant tal-grupp, spjega li l-iskop ta’ din l-organizzazzjoni hu li tlaqqa’ flimkien nies li jħaddnu l-fidi Kattolika u oħrajn li għandhom twemmin differenti.
“Ir-reliġjon tagħna hi dik Kattolika. L-intenzjoni ta’ Drachma hi li toħloq djalogu mal-Knisja u mhux konfront,” spjega Mercieca.
Iż-żagħżugħ sostna li l-ħomofobija (il-biża’ irrazzjonali minn persuni gay) waslet biex individwi gay jippruvaw jikkommettu suwiċidju, speċjalment meta l-familja ma taċċettax is-sitwazzjoni.
Mercieca għalhekk saħaq fuq l-importanza tal-fidi u l-appoġġ tan-nies oħra li jgħaddu minn esperjenzi simili.
“Importanti wkoll l-appoġġ tal-Knisja,” qal Mercieca.
Xi erba’ snin ilu l-grupp kien parti mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM) iżda ddeċidew li kien ikun aħjar jekk imorru għal rashom.
“Fil-grupp bħalissa qegħdin xi disa’ membri, imma grazzi għall-internet hemm ħafna iktar nies li huma attivi fih,” tenna Mercieca.
Il-grupp iservi wkoll biex il-membri jiltaqgħu flimkien, jitolbu u jirriflettu.
“Xi kultant jiġi perjodu ta’ nixfa spiritwali, qisu deżert. Jekk persuna tkun għaddejja minn kriżi spiritwali, il-fatt li tkun hemm qisha qed iżżomm ruħha fil-kuntest spiritwali wkoll. Aħna grupp informali u niltaqgħu darba fil-ġimgħa għal xi siegħa u nofs. B’hekk il-grupp iservi ta’ sostenn.”
Mistoqsi jekk fil-grupp jiġux aċċettati nies ta’ reliġjon oħra Mercieca qal li l-għaqda miftuħa għal kulħadd: Musulmani, Kattoliċi, ateji u l-bqija.
Mercieca ma jilludix lilu nnifsu.
“Naf li l-Knisja taċċetta persuni gay basta ma jkunux attivi sesswalment. Imma biex tkun persuna sħiħa ma tistax iċċaħħad lil xi ħadd mill-imħabba. U hawnhekk fejn naqbel mal-Knisja, għax tħaddan il-valur ta’ l-imħabba u temmen fil-prinċipju li għandek taqsam ħajtek ma’ persuna waħda.
“Dan ifarrak l-sterjotip li għax tkun gay għandek ħafna partners differenti. L-isterjotipi jġibu stigmi magħhom bħal pereżempju l-mard. Hawn persuni li huma hekk imma dawn xorta għandhom it-tajjeb tagħhom ukoll.”
Mistoqsi jekk il-Knisja hix tiġbed l-istess ħabel tal-komunità gay, Mercieca qal li qed isir avvanz.
“L-affarijiet qed joħorġu iktar fil-beraħ. Qed ikun hemm iktar mistoqsijiet min-nies u din tfisser li jridu jsiru jafu,” sostna Mercieca.
Imbagħad tenna l-importanza tal-għajnuna li jistgħu jagħtu l-ġenituri.
“Rajt nies li ma setgħux jaqbdu art f’ħajjithom. Il-problema hi li l-ambjent tagħhom fejn jgħixu ma jgħinx u m’għandhomx l-appoġġ. Hawnhekk fejn jidħol ir-rwol importanti tal-ġenituri. Il-ġenituri huma s-safety net ta’ kull individwu. Jekk il-ġenituri ma jaċċettawkx it can make or break a person. Mhux l-ewwel darba li ltqajna ma’ nies li jkeċċuhom mid-dar.”
Spjega wkoll għalfejn, ħafna drabi, il-ġenituri jkunu l-aħħar nies li jsiru jafu dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ wliedhom.
“Normalment, wieħed ‘joħroġ’ l-ewwel mal-ħbieb, imbagħad jekk iħossu komdu mal-kollegi u fl-aħħarnett mal-ġenituri. Qisu proċess li wieħed irid jgħaddi minnu. Il-biża’ dejjem tkun li mhux se jaċċettawk. Fil-fatt iltqajna ma’ każi fejn persuna ippruvat is-suwiċidju. Sfortunatament il-ħomofobija twassal għalhekk. Is-sesswalità hi parti minna u ma tistax tiċħadha.”
Biex ifakkru l-kruha tal-ħomofobija Drachma se jorganizzaw attività fis-16 ta’ Mejju fil-Millennium Chapel.
“Għażilna dan il-post għax jilqa’ lil kulħadd. L-atmosfera tal-kappella ġġib sens ta’ mistrieħ u tmur mat-tema tal-ħomofobija. Il-ħomofobija ġġib biss sens ta’ mewt fiżiku, soċjali u spiritwali u, għall-kuntrarju, il-Millennium Chapel tnissel sens ta’ mistrieħ,” temm jgħid Mercieca.
06 May 2008
Gay u għandi dritt nemmen (ILLUM, Sunday 4th May 2008)
Sabrina Agius iltaqgħet ma’ Clayton Mercieca mill-grupp Drachma li jipprova jqarreb lejn xulxin il-Knisja u l-komunità gay
Labels:
Press
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment