09 July 2008
Jgħallmek waqt li jdaħħkek minn Sammy Sammut (L-Orizzont, 9 ta' Lulju, 2008)
Meta persuna taċċetta lilha nfisha u ma tħossiex mistħija li tkun dak li fil-fatt hi, tkun ukoll kapaċi li tkisser il-ktajjen u ċċarrat l-irbit kollu li jkun qiegħed jassarha u xxekkilha. Dan il-pass iqawwiha u jnissel fiha l-ħila li toħroġ is-sabiħ kollu tagħha li forsi nżamm mistur kawża tal-biża’ li tesprimi dak li tassew tħoss, u li tattwa l-ħolm ta’ l-immaġinazzjoni fertili.
Peterson Toscano ħela kważi nofs ħajtu sakemm irnexxielu jsib rkaptu ta’ din il-filosofija, espressa f’The Identity Monologue, l-awtobijografija tiegħu rrakkontata f’żewġ minuti permezz ta’ YouTube.com. U dan għalih ma kienetx ħaġa faċli, iżda biss wara li qatta’ snin sħaħ jipprova jsib il-paċi mat-twemmin u l-omosesswalità tiegħu.
Fil-jiem li ġejjin, id-drammaturgu/attur/kummidjant Peterson Toscano se jippreżenta lill-pubbliku Malti tnejn mill-aqwa xogħlijiet teatrali tiegħu, The Re-Education of George W. Bush u Transfigurations - Trasgressing Gender in the Bible. Dawn il-produzzjonijiet se jkunu possibli bl-inizjattiva tal-grupp LGBT Kattolika, Drachma, b’kollaborazzjoni sħiħa ma’ Warehouse No.8 tal-Marsa.
Imwieled fi New York 43 sena ilu f’familja Kattolika iżda liberali ta’ dixxendenza Taljana, fl-adoloxxenza tiegħu Peterson inħakem minn biża’ kbir meta nduna bil-ġibdiet omosesswali tiegħu u ried li akkost ta’ kollox jeħles minnhom għax dejjem kien mgħallem li dawn kienu affarijiet maħmuġin u mmorali li jwasslu biss għad-dnub. Darba fost l-oħrajn, meta kellu sbatax-il sena, waqt li kien f’kamartu ħass il-preżenza ta’ Alla u hemmhekk iddeċieda li jibdel ħajtu u joffrilha lil ‘l Alla.
Billi ma setax jipproċessa u jifhem din l-esperjenza, Peterson tkellem ma’ xi parroċċani li bħalu kienu jiffrekwentaw il-knisja f’Times Square u dawn ikkonvinċewh li b’din l-esperjenza kien twieled mill-ġdid u messu jingħaqad mal-knisja nisranija tagħhom, kif fil-fatt għamel. “Dawn qabdu l-esperjenza spiritwali u ġenwina li kelli u interpretawha kif riedu. Nifhem li m’għamlux dan b’xi intenzjoni ħażina, iżda lili fixkluni. Bħala nisrani ridt li nogħġob lil ‘l Alla iżda waqaft infittxu direttament u minflok qgħadt fuq dak li kienu jgħidulu l-mexxejja tiegħi dwar x’ried Alla minni” huwa jgħid.
Għal Peterson Toscano, minn hemm ‘il quddiem bdiet taqbida mifruxa fuq medda ta’ kważi għoxrin sena, fejn għamel dak kollu possibli biex jeħles jew jgħakkes kemm jista’ l-ġibdiet omosesswali tiegħu, fosthom permezz ta’ trattamenti li għalihom nefaq xejn inqas minn $30,000 u għamel żmien jaħdem bħala missjunarju f’Żambja ġewwa l-Afrika u saħansitra żżewweġ lill-akbar ħabiba tiegħu għax ħaseb li b’hekk seta’ jinbidel u jsir “normali”.
Ħaseb li b’dak li kien qed jagħmel seta’ jirbaħ din il-battalja iżda bħal xi ħadd maħkum bil-vizzju tad-droga, huwa beda jgħaddi minn livell għall-ieħor fit-tfittxija tiegħu li jsib il-paċi u s-serħan miegħu nnifsu billi jfittex il-mezz li jeħilsu mill-ħażen li kien iħoss qed jaħkimlu lil qalbu u lir-ruħu.
Iżda minkejja kollox xorta waħda baqa’ ma sabx il-paċi miegħu nnifsu. Wara li kien attenda għadd ta’ gruppi ta’ appoġġ, kellem lil min jaf kemm il-mexxej tal-knisja, bi żwieġ li sfaxxa fix-xejn u li tellfu lill-akbar ħbieb li kellu, u saħansitra wara tliet eżorċiżmi, għaraf li kien jinħtieġ għajnuna professjonali u għalhekk involva ruħu fil-moviment Ex-Gay.
Aktar tard huwa kkommetta ruħu li jattendi programm terapewtiku ta’ sentejn magħruf bħala Love in Action fejn kienu jgħidu li permezz ta’ dan il-programm residenzjali setgħu jbiddlu lil persuna omosesswali f’waħda eterosesswali. Iżda l-verità kienet ħafna ‘l bogħod minn hekk.
Ġurnata minnhom bħal donnu ġie f’sensih u induna li dik deskritta bħala terapija ma kienetx qed tagħmillu xejn ħlief li kienet qiegħda tkissru fiżikament u psikoloġikament..... u agħar minn hekk, kien għadu omosesswali daqs kemm qatt kien. Peterson jgħid: “Matul dan iż-żmien kollu ħsibt li kont kristjan nitqabad ma’ l-omosesswalità, meta fil-fatt naħseb li kont omosesswali nitqabad mal-kristajniżmu”.
Għalkemm il-bidu ma kienx tant faċli, minn hawn ‘il quddiem ntefa’ b’ruħu u ġismu għat-teatru li kien abbanduna ftit snin biss wara li kien ggradwa fih mill-Università ta’ New York. Kien żmien meta kellu wkoll jitqabad ma’ twemminu għax kien ħasel se jibda jitlef il-fidi tiegħu. “Għal snin sħaħ qrajt il-Bibbja bħala arma kontrija”, huwa jgħid waqt li spjega kif waqt li kien f’Memphis sab grupp ta’ nsara li kienu gay u hemm tgħallem li seta’ jkun gay u nisrani fl-istess ħin. Għalih din kienet aħbar tajba għax għaraf li minkejja kollox xorta waħda kien għadu jħoss il-ħtieġa li jkollu kuntatt mill-qrib ma’ Alla.
Fis-sena 1999, Peterson waqqaf il-kumpnaija p2son productions u beda jippreżenta l-produzzjoni tiegħu Footprints: An Inspiration Comedy. Dramaturgu u attur ta’ karattri komiċi, Peterson jibbaża ħafna fuq il-poeżija, il-Bibbja u kitbiet oħra, kif ukoll intervisti estensivi biex jispirawh fix-xogħlijiet teatrali tiegħu.
Magħruf sew għat-trasformazzjonijiet impekkabli tal-karattri diversi li jintepreta, fuq il-palk Peterson litteralment ibiddel il-fiżjonomija ta’ wiċċu u s-sura ta’ ġismu, flimkien mal-vuċi u l-aċċent li juża għal kull karattru maħdum minnu.
Kien għamel id-debutt professjonali tiegħu fuq il-palk fl-1989, fil-play ta’ Peter Hanke “Kaspar” f’Cafè Bustello fi New York. Ħadem ukoll f’diversi films, fosthom Star Queen - A Star is Bored fl-2002, Getting Married? ta’ Eli Parker fl-2001, Fish Can’t Fly fl-2005 u Chasing the Devil: Inside the Ex-Gay Movement fl-2008. Aktar tard din is-sena mistenni wkoll jieħu sehem fid-dokumentarji This is What Love in Action Looks Like u For Such a Time as This.
Kien kemm-il darba mistieden jindirizza konferenzi lokali u internazzjonali, deher f’diversi programmi televiżi u radjofoniċi kemm fl-Ewropa kif ukoll fl-Amerika, fosthom The Montel Williams Show, Public Radio International, Current TV u The Tyra Banks Show, waqt li dwaru u l-esperjenzi li għadda minnhom kitbu għadd kbir ta’ ġurnali, inklużi The York Times u People Magazine.
Ix-xogħlijiet teatrali tiegħu huma diversi. Fis-satira li kien ippreżenta fl-2003 Doin’ Time in the Homo No Mo Halfway House, permezz ta’ l-esperjenzi tiegħu huwa jesplora b’mod umoristiku l-istorja ta’ l-omosesswalità, l-omofobija u kwistjonijiet oħra ta’ diversità permezz ta’ monologi minn diversi karattri li jinterpreta fl-istess ħin.
Is-sena ta’ wara kien kiteb Queer 101 li addattaha għall-istudenti ta’ l-iskola sekondarja fejn, minflok ma jitkellem dwar l-istorja ta’ ħajtu, Peterson jagħmel użu mill-poeżiji lesbjani u gay biex jesplora d-diversità u l-umanità.
Bħal Identity Monologue, il-klipp maħduma għal YouTube u How the Indians Discovered Colombus, iż-żewġ plays huma l-vetrina tat-talent li jipposjedi biex jittrasforma lilu nnifsu f’persuni oħra differenti, b’vuċijiet u aċċenti differenti.
Apparti fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika fejn huwa jgħix, Peterson ippreżenta x-xogħlijiet teatrali tiegħu f’diversi pajjiżi, fosthom fil-Kanada, fil-Kamerun, fl-Isvezja, fid-Danimarka, Spanja, l-Ingilterra u Wales.
U issa, bis-saħħa ta’ l-inizjattiva meħuda mill-grupp LGBT, Drachma, Peterson se jżur ukoll Malta fejn se jippreżenta lill-pubbliku Malti l-aħħar żewġ xogħlijiet teatrali tiegħu fil-Warehouse No.8, fil-Marsa. Il-biljetti qegħdin jibiegħu bil-prezz ta’ €11 għal rappreżentazzjoni waħda jew €15 għat-tnejn.
Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Lulju, huwa se jippreżenta l-produzzjoni ta’ The Re-Education of George W. Bush, fejn bħas-soltu, bid-diversi karattri differenti maħluqin u maħdumin minnu, jagħti lezzjoni lill-President Amerikan Bush u lill-udjenza preżenti dwar l-istorja, il-gwerer, il-privileġġ li jġib miegħu l-kulur tal-ġilda, l-ambjent, is-sessiżmu, il-qari żbaljat tal-Bibbja, l-umanità u ħafna aktar.
L-għada s-Sibt, 19 ta’ Lulju, Peterson jagħti ħarsa mhux tas-soltu lejn l-iskrittura Ebrajka u dik Nisranija permezz tal-kummiedja Transfigurations - Transgressing Gender in the Bible, fejn huwa jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq diversi karattri li kellhom sehem kbir fil-ġrajjiet irrakkontati fil-Bibbja u li kienu transesswali jew ta’ xorta ta’ sess omosesswali.
Peterson Toscano, li kien għamel ukoll xi żmien jgħallem kemm studenti kif ukoll għalliema, jispjega li permezz tal-ħiliet teatrali tiegħu flimkien ma’ l-esperjenzi u l-ħafna weġgħat li għadda minnhom, fix-xogħijiet tiegħu jista’ jħares lil ‘l hinn minnu nnifsu u jolqot l-għeruq tal-passjonijiet interni ta’ dawk kollha li jkollu quddiemu.
Illum li sab u għaraf lilu nnifsu, huwa kapaċi jitratta aħjar il-problemi tal-ħajja ta’ kuljum. U b’dan il-mod, permezz tat-teatru kapaċi jdaħħak u fl-istess ħin jgħallem lil ħaddieħor mingħajr ma dawn jirrealizzaw. Għax ma jkunx qed jgħallimhom billi dawn jużaw moħħhom iżda għax jolqothom fil-qiegħ ta’ qalbhom. Jekk trid tkun taf kif u għaliex, nissuġġerilek ma titlifx dawn ir-rappreżentazzjoniet ta’ Peterson Toscano.
ssammut@unionprint.com.mt
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment