Twissija skjetta mill-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna lid-deputati parlamentari ftit jiem qabel ma l-Kamra tad-Deputati tkompli tiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li se tagħti lill-koppji gay l-istess jeddijiet u dmirijiet bħall-koppji miżżewġin: bħala Kattoliċi, obbligati tivvutaw kontra.
F’intervista li ta s-Sibt lill-gazzetta ta’ ispirazzjoni Kattolika, Avvenire, Mons. Scicluna fakkar li d-duttrina tal-Knisja torbot moralment lid-deputati Kattoliċi biex jesprimu b’mod ċar u pubblikament in-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-abbozz ta’ liġi, u li jivvutaw kontrieh fl-Parlament. Il-pożizzjoni tal-Knisja hi li jekk deputat Kattoliku jitfa’ l-vot tiegħu favur test leġiżlattiv li hu “tant ta’ dannu għall-ġid komuni tas-soċjetà”, ikun qed iwettaq att immorali gravi.
Mons. Scicluna irrimarka li, fit-12 ta’ Diċembru, huwa esprima t-tħassib tiegħu dwar dan l-abbozz ta’ liġi mal-Papa Franġisku. Huwa qal li l-Papa deher imnikket, speċjalment fir-rigward tal-kwistjoni tal-adozzjonijiet tat-tfal minn koppji gay.
Din l-intervista kompliet tibni fuq oħra li Mons. Scicluna ta lil The Sunday Times ta’ Malta nhar il-Ħadd li għadda. Fiha qal li l-Papa ħeġġu biex jieħu pożizzjoni pubblika kontra abbozzi ta’ liġi bħal dawn, u hekk għamel fil-prietka tiegħu tal-Milied. F’dik il-prietka, li qanqlet ħafna kritika, l-Isqof argumenta li elfejn sena ilu Ġesù nnifsu trabba minn mara u raġel, u mhux minn żewġt irġiel jew żewġ nisa.
L-abbozz ta’ liġi dwar l-unjonijiet ċivili tfassal fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kunsill konsultattiv li kien jinkludi għadd ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Dawn kienu jinkludu lid-Drachma LGBTI, li hu grupp li joffri spazju għal individwi li jridu jintegraw l-orjentazzjoni sesswali u l-ispirtwalità tagħhom, u lid-Drachma Parents Support Group.
Kelliem għad-Drachma qal lit-TORĊA li l-grupp jaqbel mal-abbozz ta’ liġi kif inhu, inkluż mal-adozzjoni tat-tfal. Filwaqt li għamilha ċara li l-grupp ma jridx jidħol f’konfrontazzjoni mal-Knisja, huwa qal li Drachma jemmen li d-deputati parlamentari għandhom jitħallew jiddeċiedu skont il-kuxjenza tagħhom. Żgur li kull min iħaddan il-fidi Kattolika jemmen li, fl-aħħar mill-aħħar, se jkun Alla li se jiġġudikah. Huwa qal li huwa Alla nnifsu li joħloq persentaġġ tal-popolazzjoni b’orjentazzjoni sesswali differenti, u dawn il-persuni għandhom jgħixu l-ħajja fil-milja kollha tagħha skont, u mhux minkejja, din l-orjentazzjoni sesswali. Il-kelliem irrimarka wkoll li hemm diversi teologi Kattoliċi li joffru pożizzjonijiet alternattivi għal dawk uffiċjali tal-Knisja Kattolika dwar kwistjonijiet relatati mal-persuni gay. Dawn jinkludu lil Fr James Alison, Jean Porter u Margaret Farley.
No comments:
Post a Comment