“In-narċisiżmu huwa marda qerrieda ġdida li toqtol l-imħabba” - L-Isqof Scicluna
L-Isqof Charles J. Scicluna sostna li l-karratteristika ġdida tan-narċisiżmu li nħossu li aħna ċ-ċentru tal-univers, hija marda qerrieda li toqtol il-possibiltà tal-imħabba.
Huwa qal dan waqt l-aħħar laqgħa għal din is-sena, fis-sensiela The Courtyard Dialogues organizzata mill-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ u zuntier.com bit-tema L-Irwol tal-Knisja fis-Soċjetà.
Saħaq li hu qed jaħdem mal-Gvern fuq il-kwistjonijiet ta’ faqar soċjali, fost l-oħrajn ir-realtà kiefra ta’ immigranti irregolari tfal li m’għandhomx ospitalità tgħodd għalihom. “Dawn it-tfal m’għandhomx miljun ewro biex isiru ċittadini, iżda huma parti mis-soċjetà tagħna’, żied jgħid l-Isqof.
Semma wkoll kif fi żmienu l-Knisja kienet vittma ta’ politika ta’ esklużjoni fl-Università ta’ Malta. Spjega kif hu ma setax jistudja t-teoloġija, u minflok studja l-liġi. Qal li dik kienet il-politika tal-Gvern ta’ dak iż-żmien, u llum il-Knisja tista’ tgħaddi mill-istess ħaġa meta titqies bħala ‘irrelevanti’. Żied jgħid li l-Knisja se tibqa’ tiġġieled biex tkun relevanti għax tħoss li għandha tgħaddi l-messaġġ. Qal li f’diversi ċirkostanzi l-irwoli tal-Knisja qed jeħodhom l-Istat fost l-oħrajn fid-djar tal-anzjani u l-iskejjel. Semma kif il-Knisja teduka 40% taż-żgħażagħ Maltin.
Ipparteċipaw ukoll f’dan id-djalogu l-President ta’ Drachma LGBTI Christopher Vella, id-Direttur tal-Victim Support Malta Dr Roberta Lepre u r-riċerkatur u kritiku soċjali Dr Clive Zammit.
Min-naħa tiegħu Christopher, li kien fil-Mużew għal 18-il sena qal li jħossu iben Alla avolja huwa gay. Qal li “d-Drachma LGBTI hija rigal ta’ Alla lil Malta u toffri opportunità lil nies gay f’Malta biex jiskopru li tista’ tkun bniedem gay u nisrani. Żied jgħid li irrelevanti mill-istat tiegħu, kulħadd huwa msejjaħ li jsir qaddis għax kulħadd hu xbieha ta’ Alla.
Dr Lepre, id-Direttur tal-Victim Support Malta qalet li l-Knisja għandha tkun fuq nett ta’ standard ta’ etika u moralità, mhux biss fil-valuri tradizzjonali, iżda anke fuq kif għandna nkunu retti f’dak li nagħmlu, l-imġiba tagħna, u li nkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor. Sostniet li l-Knisja għandha tkun quddiem nett biex tiżviluppa dawn l-istandards u tippromwovihom.
Tkellem ukoll Dr Clive Zammit, riċerkatur u kritiku soċjali li qal li r-rwol tal-Knisja huwa sempliċi u ‘l fuq mir-reliġjon: li tgħallimna nħobbu. Spjega kif m’għandniex inħarsu lejn in-nies bħala ostakli u ta’ theddida għalina, għax inkunu qed nagħlqu lilna nfusna.
Filmat: Reel8 Productions Ltd