By Laurence Attard
Fuq il-kordi ta’ kitarraJien semmajt leħni – maħnuq u stunat
Ħoss ta’ karba
Bħal ta’ għasfur magħluq ġo gaġġa
Imġennen biex joħroġ.
Fuq il-kordi ta’ kitarra
Jien semmajt leħni – sabiħ, melodjuż
Warda friska – ħamra bħad-demm
Ilma kaħlani – mewġ imelles il-blat
Naħla ċkejkna
Tagħmel ix-xogħol ta’ kuljum
Toħloq ilwien ġodda
Taħlita ta’ kuluri.
Fuq il-kordi ta’ kitarra
Rajt iż-żmien għaddej
Itir bħal ħolma – ikrah u sabiħ
Abjad u iswed
Bħat-tastiera ta’ pjanu
Imżewqa flimkien jagħmlu melodija li ssaħħrek
Titilfek minn sensik
F’dinja ta’ ħolm, xewqat imkebbsa
mix-xrara ta’ qalb għatxana
għall-ġustizzja, għall-imħabba.
Fuq il-kordi ta’ kitarra
Smajt u kantajt
Xewqa profonda għal dinja aħjar
Isbaħ – fejn id l-abjad iżżomm id l-iswed
Fejn il-mewt ma’ teżistix
Fejn ħarqu l-għodod tal-ġlied
Biex ikebbsu ħuġġieġa –
Ta’ sħana, imħabba, sliem…
Fuq il-kordi ta’ kitarra
Jien għannejt.