Veru li dan hu żmien l-Apokalissi?
Iż-żminijiet tal-aħħar?
Riflessjoni
dwar il-Knisja u r-realtajiet ‘inkwetanti’
fid-dinja kontemporanja
Jekk tmur wara xi bieb ta’ knisja wara l-quddiesa tal-Ħadd u ssaqsi ftit
lil xi persuni anzjani, jew forsi xi membri ‘akkaniti’ ta’ għaqdiet kattoliċi u
ġieli anke xi qassisin u ssaqsiehom dwar ir-realtajiet tal-lum, spiss tisma’
b’ton xi ftit nostalġiku, li jaħasra, inbidlu
wisq l-affarijiet u f’pajjiżna daħlu wisq drawwiet u mentalitajiet kontra
r-reliġjon nisranija u kontra l-Knisja. M’għandix dubju li jekk insaqsihom
għal xiex ikunu qed jirreferu, żgur li jsemmu l-libertà (jew libertinaġġ) li hawn f’pajjiżna, kemm qed jitkissru familji,
kemm daħlu separazzjonijiet, divorzji, taħwid fil-familji u agħar minn hekk,
it-tnedija tal-unjonijiet ċivili u l-possibiltà ta’ adozzjonijiet minn koppji
gay u bdil fil-ġeneru tal-persuni. Tisma’ l-espressjoni: Fiex wasalna!!
Meta titkellem ma’ din ix-xorta ta’ nies tieħu l-impressjoni li s-soċjetà
Maltija ddeġenerat u li wasalna verament fix-xifer u li jekk ma noqogħdux
attenti, ser nispiċċaw nitilfu l-fidi Kattolika f’pajjiżna. Dan isib l-eku
tiegħu wkoll fid-dinja globaliżżata tal-lum, fejn hemm tant fenomeni
preokuppanti bħat-terroriżmu, l-ateiżmu, il-fundemantaliżmu Iżlamiku, u l-persekuzzjoni
tal-valuri nsara speċjalment mid-dinja atea
u akristjana tal-Punent. F’din it-tip ta’ realtà faċilment tirreaġixxi
b’dan il-mod. Qisu, qatt ma kien hemm żmien daqs illum, li l-Knisja u
r-reliġjon Nisranija jinsabu daqstant mhedda u għaldaqstant hemm bżonn inqumu
fuq tagħna biex niġġildulha!
It-tentazzjoni
tal-vitimiżmu
F’din it-tip ta’ realtà, huwa faċli li wieħed jadotta l-mekkaniżmu
tal-vittimiżmu. Dan ifisser li wieħed jirreaġixxi għal dawn ir-realtajiet ġodda
billi jħossu parti minn minoranza li qed tiġi ppersegwitata u li d-drittijiet
fundamentali tagħha qed jiġu mhedda. F’sitwazzjoni bħal din kull att liberali
li jsir jiġi kkunsidrat bħala theddida għall-identità ta’ dak li jkun u bħala
att provokattiv lejn Kommunità li essenzjalment dejjem kienet ‘inklużiva’ u ‘tolleranti’. Naslu wkoll biex naħsbu li dawn in-nies li qed jagħmlu
dawn il-liġijiet ġodda – dawn kollha għandhom l-intenzjoni li jeqirdu
lill-Knisja, lill-identità Kattolika tagħna u lill-familja li tant niftaħru
biha bħala l-fus u s-sies tas-soċjetà Maltija.
Hija reazzjoni li fil-fatt qed narawha mhux biss f’Malta imma ‘il hinn minn
xtutna. Forsi smajtu bil-moviment Pegida fil-Ġermanja li qed jissielet kontra
dak li huma qed isejħu l-Iżlamiżazzjoni tal-Ewropa. Bħal dawn, imma b’mod
differenti, ssib movimenti fl-Italja, fi Franza u fl-Ingilterra li huma kontra
l-immigrazzjoni mill-Afrika, kontra l-Ewropa, jew kontra aktar drittijiet għal
persuni gay, għax jgħidu li dawn huma kollha elementi li jmorru kontra l-identità,
il-kultura u l-familja tal-pajjiż in kwestjoni. Hija interessanti wkoll, li
anke l-kommunitajiet Iżlamiċi jpinġu lilhom nfushom bħala vittmi li qed jiġu
mkassbra mill-Midja internazzjonali (bħal ta’ Charlie Hebdo) u mill-Punent u li
fil-fatt m’għandhomx vuċi u li huma msejkna. Tidħol f’din id-dinamika kollha,
l-firda bejn aħna u huma, bejn it-tajbin u l-ħżiena,
bejn dawk ta’ Alla u dawk tax-xitan. Imma, din id-dinamika hija ferm
perikoluża, u faċilment tista’ tiddeġenera f’mibegħda, u f’ċirku vizzjuż ta’
vjolenza qerrieda.
Il-periklu tal-vittimiżmu
fil-Knisja Kattolika
Fil-Knisja Kattolika hemm ukoll dan il-periklu, speċjalment għaliex il-Knisja
hija inkwetata mir-realtajiet ‘ġodda’
fis-soċjetà tal-Punent li qegħdin jheddu l-familja ‘tradizzjonali’ u li jisfidaw b’mod sfiq id-duttrina morali
tal-Knisja fuq diversi punti, inkluż il-Liġi Naturali, in-natura taż-żwieġ,
il-kompożizzjoni tal-familja, is-sesswalità u tant elementi oħra. Spiss
il-Knisja tirreaġixxi billi tara iż-żjieda apparenti
ta’ sitwazzjonijiet irregulari (li
jiġifieri jmorru kontra t-tagħlim tal-Knisja) bħala theddida fundamentali li
rridu niġġilduha sabiex insalvaw il-familja kif Alla riedha. Ħafna drabi
l-Knisja twaħħal f’ideoloġiji ġodda perikolużi
bħal ma huma r-Relativiżmu u ‘l hekk
imsejħa Ideoloġija tal-Ġeneru,
għaliex dawn, permezz ta’ lobbying qawwi
minn gruppi politiċi u saħansitra anke minn numru ta’ gvernijiet fil-Punent, qed
jirnexxilhom joqtlu u jeqirdu darba għal dejjem it-tagħlim ta’ Kristu fuq
in-natura vera u unika tal-familja u tar-relazzjonijiet umani. Il-Knisja
għalhekk tħossha fid-dmir li tiġġieled kontra dawn il-kurrenti qerrieda.
Dan ta’ spiss jinħass f’ċerti ċrieki Kattoliċi f’Malta, fejn mhux l-ewwel
darba, tisma diskors reminixxenti tal-kruċjati medjevali kontra l-għedewwa tal-fidi. Spiss minn biżgħat
ċkejknin noħolqu iħirsa li jwerwru u nimmaġinaw li kull liġi ġdida ser titfa’
lill-pajjiż u lid-dinja fi spirall u abbiss qerriedi, li jekk ma nkunux aħna li
nieqfu lil dawn il-kurrenti, possibilta’ jista’ jsir ħsara irreparabli. Smajna
dan id-diskors meta daħal id-divorzju, u stennejna li mad-daħla tad-divorzju
ser jiżdiedu l-familji mfarrka u ser ikollna dilluvju ta’ żwiġijiet li jfallu.
Smajna wkoll li jekk jidħol l-unjoni ċivili, jispiċċa ż-żwieġ bejn persuni
eterosesswali, għax qisu dak li jkun, jitħawwad dwar it-tifsira taż-żwieġ u
allura ser jispiċċa kompletament il-valur taż-żwieġ. Instema’ wkoll li jekk tidħol
l-adozzjoni tat-tfal minn koppji gay, f’daqqa waħda, dawn biss ikunu jistgħu jibdew
jadottaw u għalhekk ikun hemm impatt terribli fuq il-familja Maltija u ħsara
bla tarf fuq it-tfal. Qisu, li jekk jiġu legaliżżati forom ġodda ta’ familja,
il-familja Kattolika tinqered darba għal dejjem. Iżda fil-fatt, l-ebda minn
dawn il-biżgħat ma seħħu. Tant hu hekk li minn statistika riċenti, n-numru ta’
żwiġijiet bil-Knisja fl-2014 żdiedu!
Il-Knisja lokali dan l-aħħar bdiet ukoll tuża tip ta’ diskors ieħor fejn iffukkat
fuq il-bżonn li jitnaqqas l-impatt ‘negattiv’
ta’ realtajiet morali diversi, bħal ngħidu aħna, nies li sseparaw jew
ddivorzjaw, jew li użaw metodi ta’ inseminazzjoni artifiċjali permezz tal-IVF,
jew persuni li qegħdin attivament f’relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess.
Il-Knisja tibża’ li dawn l-għażliet morali ‘ħżiena’
jistgħu jkunu ta’ skandlu, speċjalment għat-tfal u allura persuni li huma fil-maniġment
tal-iskejjel tal-Knisja jew għalliema tar-Reliġjon u tal-PSD, għandhom ikunu
mħeġġa li jew jirranġaw l-għażliet morali tagħhom jew għal tal-inqas jostruhom.
Il-problema ta’ dan kollu hu li l-Knisja għadha toħlom li t-tfal tal-iskola
jgħixu ġo bozza u li dawn ir-realtajiet ma jarawhomx madwarhom.
Niflu sewwa r-realtà ta’ madwarna
Jekk niflu sewwa r-realtà ta’ madwarna, għalkemm hemm verament realtajiet
li jistgħu jkunu inkwetanti, però, ikun żball li nqisu dawn il-fenomeni kollha
bħala sinjal li s-soċjetà Maltija sejra l-baħar. Qabelxejn, irridu noqogħdu
attenti meta nitkellmu dwar ir-realtà tal-familji Maltin, daqslikieku
d-diffikultajiet u s-separazzjonijiet f’pajjiżna huma biss fenomeni ta’
żminijietna. Kultant nagħmlu l-iżball li naħsbu li fl-antik il-familji Maltin
kienu dejjem sodi u ma kienx hemm taħwid u tifrik. Fil-fatt, nafu mill-istorja
li dan mhux minnu. Tant hu hekk, li fl-imgħoddi kien hawn problemi familjari
kemm trid, inkluż sess qabel iż-żwieġ, abort, prostituzzjoni u relazzjonijiet barra
miż-żwieġ. U jekk naħsbu li l-omosesswalità hija xi ħaġa moderna, għandna żball
ukoll, għax kienet minn dejjem.
Naturalment, il-periklu hu li npoġġu kull realtà alternattiva fl-istess keffa u nwaħħlu kollox fl-egoiżmu u f’xi
deġenerazzjoni soċjali. Spiss nippreferu li dawn ir-realtajiet ikunu mistoħbija
u li dawn, jekk isiru, isiru b’mod mistur qishom huma xi ħaġa tal-mistħija.
Eżempju klassiku huwa l-prattika tal-omosesswalità. Għall-knisja u għal ċerti
setturi fis-soċjetà Maltija, bniedem gay tajjeb,
huwa wieħed li jostor l-identità tiegħu, li ma jkunx sfaċċatament gay u li ma jgħix ir-relazzjonijiet
tiegħu b’mod publiku. Allura persuna gay li tkun trid turi s-serjetà
tal-imħabba tagħha lejn il-maħbub jew maħbuba tagħha, ma tista’ qatt tagħmel
unjoni ċivili, għax dak hu att publiku u allura qed ikun ta’ skandlu għall-oħrajn.
Tifhimha mbagħad li persuna bħal dan mhux adattat biex ikun mudell għat-tfal
tagħna! Jiddispjaċini ngħid li dan mhu xejn tajjeb, għaliex ifisser li għadna
ma fhimnix biżżejjed li relazzjonijiet gay u anke relazzjonijiet ‘irregolari’
jistgħu wkoll ikunu sbieħ u ta’ valur daqs kull relazzjoni bejn koppja
eterosesswali miżżewġa. Fuq kollox dawn l-għażliet mhumiex kapriċċ jew qżież
imma għażla kultant iebsa minn persuni li jixtiequ jgħixu b’mod ġenwin ma’ dak
li Alla nibbet fil-qalb tagħhom. Tagħmel sens li wieħed jgħix indannat
għall-ħajtu kollha biex jibqa’ fidil għall-istraitjacket
tal-liġi ortodossa morali tal-Knisja? Mhux aħjar li wieħed jagħraf il-verità
tiegħu nniffsu u bi prudenza jagħmel l-għażliet morali li fil-kuxjenza ffurmata
tiegħu jinduna li huma l-aħjar għall-ġid tiegħu u ta’ ruħu? Ma jistgħux ikun
jewwila li dawn il-liġijiet morali jkunu jixbħu lill-madmad tal-liġi
tal-fariżej li Kristu ried isaffi biex verament tagħraf il-ħniena, u l-mogħrija
ta’ Alla?
Għażliet morali magħmula b’kuxjenza ffurmata tajjeb
Tista’ tkun tentazzjoni għal min qed
jaqra dan l-artiklu biex jgħid: Mela kollox
jgħaddi! La kull għażla morali hija tajba, allura, m’hemmx differenza bejn
tajjeb u ħażin. Nistgħu nibdew naċċettaw kollox! Fil-fatt, din hija
tentazzjoni reali, u jekk il-kejl tal-moralità tagħna jkun ix-xiber tagħna biss
u l-egoiżmu tagħna, dan jista’ jwassal biex l-għażliet tagħna ma jkunux tajbin,
imma jkunu bbażżati fuq moralità fażulla. Ikun tip ta’ Relativiżmu morali li l-Papa Benedittu XVI tant kien jwissi fuqu.
Imma jien mhux għal din it-tip ta’
attitudni qed nirreferi. Jien qed nitkellem minn għażla morali msejsa fuq
riflessjoni sinċiera u personali, fuq għarfien sewwa tax-xewqat, bżonnijiet u
aspirazjonijiet tal-persuna, kif ukoll tiftixa ġenwina u sinċiera tar-rieda ta’
Alla fil-ħajja ta’ dak li jkun. Trid tkun akkumpanjata minn ħajja ta’ talb,
direzzjoni spiritwali u programm ta’ ħajja msejsa fuq il-valuri tal-Vanġelu.
Irrid ngħid, li mhux l-istil ta’ ħajja li jiddetermina li wieħed qed jgħix verament
ħajja moralment retta, imma l-motivazzjonijiet, il-valuri u l-prinċipji, kif
ukoll it-tiftixa sinċiera ta’ Alla fil-ħajja ta’ dak li jkun. Ħa nagħti
eżempju: wieħed jista’ jkun miżżewweġ u jgħix mal-mara tiegħu, imma jsawwatha,
jabbużha verbalment, anke jekk mhux daqstant quddiem in-nies. Dan esternament
qed jgħix stil ta’ ħajja regolari: hu fidil lejn martu, fis-sens li ma għandux
xi skappatura. Madanakollu b’daqshekk mhux qed jgħix moralment tajjeb, għaliex
ir-rispett ġenwin lejn il-mara tiegħu ma jeżistix. U kif kien iħobb jirrepeti
San Ġorġ Preca: Mhux il-virtù, imma
l-kawża tal-virtù għandha grazzja
quddiem Alla!
Huwa importanti li din l-istess
metodoloġija tiġi applikata wkoll għall-għażliet morali li apparentement m’humiex konformi mal-liġi morali tal-Knisja.
It-tagħlim stess tal-Knisja jitkellem dwar l-importanza ta’ għażla morali
magħmula minn persuni b’kuxjenza ffurmata tajjeb (Katekiżmu tal-Knisja
Kattolika, 1776-1802, Gaudium et Spes,
16, Dignitatis Humanae, 1). San Tumas
t’Akwinu jgħallem li bniedem jista’ wara proċess ta’ dixxerniment jasal biex
jiddeċiedi biex jagħmel ċertu għażliet morali li ma jkunux konformi mat-tagħlim
tal-Knisja (Scriptum super sententiis, 4).
Għaldaqstant, quddiem Alla dawn l-għażliet, meta magħmulin b’serjetà u b’reqqa
kbira, jistgħu jkunu għażliet ta’ fejda u spiritwalment sani. Fil-fatt, nemmen
li persuni bħal dawn jistgħu jkunu wkoll ta’ rowl modils biex juru lit-tfal li
huwa possibli li tgħix ħajja Nisranija tajba anke jekk l-għażla personali ma
taqbilx strettament mat-tagħlim ortodoss tal-Knisja. Wara kollox, kif jgħid San
Pawl (Rum. 6-8), l-ispirtu ta’ Alla jmur ‘il hinn mill-liġi u jara u jgħarbel
dak li hemm fil-qalb. San Pawl fl-Ittra lill-Galatin (Gal. 5: 16-26) jitkellem dwar il-frottijiet
tal-ispirtu li huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba,
il-fidi, il-ħlewwa u r-rażan u dawn iservu ta’ sinjal biex wieħed jagħraf jekk
fl-għazliet tiegħu hux verament qed jgħix skont l-ispirtu, anke jekk ikun qed
jgħix kontra ‘il-liġi’. Kristu stess kemm-il darba ‘kiser’ il-liġijiet tal-Lhud
fuq il-jum tas-Sibt għax ħass li l-imħabba tissupera kull liġi u kull kodiċi. Madanakollu,
hemm bżonn ukoll li l-bniedem ikun tassew koerenti u mhux jgħix, la kif
jaqbillu b’mod egoistiku, u lanqas għax mġiegħel mill-Knisja jew minn kwalunkwe
istituzzjoni oħra (Dignitatis Humanae,
1-2, Gaudium et Spes, 16-17). Meta
jgħix fil-verità fih inniffsu, ikun qed iħalli din il-verità tagħmlu bniedem
integru u ġenwinament ħieles.
Lejn inklużjoni ġenwina
Meta l-Knisja f’Ottubru li għadda ċċelebrat is-Sinodu tal-Isqfijiet ittratat
dawn ir-realtajiet ġodda wkoll. Il-fatt li għall-ewwel darba qegħdin niddiskutu
dawn ir-realtajiet alternattivi huwa ġà pass pożittiv. Fil-fatt, l-awgurju
tiegħi huwa li l-Knisja tkompli tindirizza dawn ir-realtajiet – imma mhux bħala
xi velenu perikoluż li qed jhedded il-fundament tal-Knisja. M’għadniex
mill-ewwel naħsbu li dawn ir-realtajiet neċessarjament ser ikissru
lill-familja, li d-diversità neċessarjament hija theddida. Naħseb li dawn
jistgħu jgħannu lill-Knisja, għaliex, kif ammetta l-ewwel dokument tas-Sinodu,
dawn ukoll għandhom affarijiet pożittivi li jistgħu jkunu ta’ ġid għall-Knisja
kollha kemm hi.
Fuq kollox, il-Knisja trid timxi saqajha mhux biss mal-art, imma għandha
bżonn tinża’ ż-żarbun u l-kalzetti u tħoss il-qigħan tal-art u tirrealiżża li
din mhix realtà ta’ ħażen, imma hija r-realtà tal-bniedem tal-lum u li Alla
qiegħed jitkellem mal-Knisja u juri ruħu f’dawn is-sinjali taż-żminijiet.
Il-konverżjoni li tipprietka l-Knisja m’għandiex tkun sejħa biex dak li jkun
jitlaq mill-istat ta’ ħajja li qed igħix, imma biex f’dak li jkun qed jgħix
jifhem iżjed dak li l-Mulej irid minnu u jħalli l-Mulej imexxih. Ta’ spiss
ninsew li aħna lkoll midinbin, u mhux biss min hu f’sitwazzjoni hekk imsejħa
irregolari, imma wkoll dawk li forsi jippretendu li huma ‘it-tajbin’.
Allaħares, il-Knisja tkun il-club
tat-tajbin biss, u biex inti tkun ġenwinament aċċettat, tkun trid
tikkonforma mal-mudelli ‘tat-tajbin’ fil-Knisja! Fil-fatt, l-irwol tal-Knisja għandu jkun dejjem
u biss għas-servizz tal-kuxjenza (Ġwanni
Pawlu II, Veritatis Splendor, 19) u għalhekk, kif jgħid l-Isqof Geoffrey
Robinson, il-Knisja għandha b’sensitività tisma’ s-sensum fidelium, jiġifieri l-qalba ta’ ruħ il-poplu t’Alla u flok
ma tibda mit-teorija, tibda mill-umanità ‘on
the ground’ u tiddjaloga mal-bniedem fejn hu. Ma tistax il-Knisja tassumi
li min ma jaqbilx magħha awtomatikament ma ffurmax il-kuxjenza tiegħu b’mod
tajjeb u għalhekk mhux bniedem rett (Confronting
Power and Sex in the Catholic Church, 161-165).
Hemm bżonn niftakru li Kristu dejjem beda mill-bniedem, u mhux mill-liġi, u
li l-mimmi t’għajnejh kienu l-emarġinati u dawk fil-periferiji. Sfortunament xi
drabi ninsew li l-Knisja trid tixbah iktar lil sptar fuq kamp tal-battalja (kif
qalilna l-Papa) milli palazz dehbi. Noqogħdu attenti li ma nkunux fariżej, li
nwarrbu dawk li fil-fehma tagħna qed jgħixu irregolari, bl-iskuża li dawn ser
jiskandaliżżaw lil uliedna. Fuq kollox, hemm bżonn li l-Knisja tibda djalogu
ġenwin ma’ dawn ir-realtajiet u takkumpanja lil dawn il-persuni ‘bħala oħt u qaddejja’ (kif jingħad mis-Sinodu
Djoċesan ta’ Malta tal-2004) u mhux tiġġudikahom u tippretendi li taf kollox
dwar il-bniedem. Trid tkun umli biżżejjed biex titgħallem iktar mill-esperjenza
ta’ wliedha kollha kemm huma speċjalment dawk fil-periferija, u titħarreġ
ġenwinament fl-istudji tas-Soċjoloġija, fl-Antropoloġija u fix-Xjenzi l-oħra u
tkun lesta biex tħares mill-ġdid lejn ir-realtà u tħalli din tixpruna
l-iżvilupp tat-tagħlim tagħha u mhux bil-kontra. Għandha tkun lesta li ġġedded
it-tagħlim tagħha jekk tagħraf li dak li qed tgħallem mhuwiex totalment koerenti
mal-ispirtu ta’ Kristu u mal-valuri veri tal-Vanġelu.
Dan biss għandu jkun il-mod kif il-Knisja twieġeb għall-isfidi tal-lum.
Inkella wisq nibża’ li l-Knisja ser tibqa’ l-art, u tkun hi li titlef lil uliedha
u b’hekk tonqos lejn il-kmand ta’ Kristu. Dan hu l-awgurju tiegħi għal din is-sena
li matulha l-Knisja qiegħda tkompli tlaqqa’ s-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja.
J’Alla l-Knisja tkompli ssir il-Knisja tal-Periferija, il-ġemgħa tal-midinbin
li qed jinħmew bil-grazzja t’Alla f’qaddisin. U hekk inkunu tassew il-melħ tal-art u d-dawl
tad-dinja.
Chris Vella
No comments:
Post a Comment