21 February 2016

Ir-Rispons ta' Drachma għall-Position Paper tal-Knisja fuq il-Gay Conversion Therapies



PRESS RELEASE

Drachma (Drachma LGBTI u Drachma Parents Group) dwar il-Position Paper tal-Knisja dwar il-Conversion Therapy

Hu dmir tagħna bħala persuni LGBTIQ kif ukoll ġenituri ta’ persuni LGBTIQ li nħossuna nappartjenu għall-fidi nisranija li ngħidu x’naħsbu dwar il-Position Paper tal-Knisja dwar il-Conversion Therapy u ngħidu xi stennejna li jkun fiha u x’ma stennejna qatt li jkun fiha.

1.  Stennejna li l-grupp ta’ esperti li kiteb din il-Paper ikun jinkludi wkoll persuni LGBTIQ li qed jgħixu din ir-realtà. Kien jixraq li l-Knisja tiddjaloga magħna fuq dan is-suġġett delikat, speċjalment wara l-ġest sinifikanti li l-Knisja wriet fl-aħħar xhur meta talbet rappreżentant minn Drachma biex tkun parti mill-panel li kitbet il-Position Paper fuq l-Embryo Act u biex tkellem lill-Kulleġġ tal-Kappillani.

2. Stennejna li l-Knisja f’Malta ma terġax titlef okkażjoni li tibni pont mal-komunità LGBTIQ. Stennejna li l-Knisja toħroġ tgħid ċar u tond li hi kontra l-Conversion Therapy, anki jekk hemm xi dispożizzjonijiet fl-abbozz li jistgħu jiġu ċċarati.

3.  Stennejna li l-Knisja tgħid li tissimpatizza mal-persuni omosesswali li ġew sottoposti għal conversion therapies u titlob maħfra talli xi membri tagħha, inklużi saċerdoti, taw pariri biex dak li jkun ifittex, jew huma stess għamlu, Conversion therapy. Fl-ebda ħin il-Knisja ma tinħass inkwetata għal dak li għaddew minnu persuni bħal dawn u l-familjari tagħhom.

4.  Stennejna li l-preokkupazzjoni ewlenija tal-Position Paper kellha tkun il-ħsara psikoloġika, emozzjonali u spiritwali kbira li ssir lill-vittmi tal-conversion therapies. Imma minflok, l-akbar preokkupazzjoni tal-Paper hija li l-professjonisti ma jitilfux l-indipendenza u ma jgħaddux mill-proċess kriminali. Dak li l-Paper qalet fil-konklużjoni (jiġifieri li sfortunatament l-abbozz jindirizza l-bżonnijiet ta’ grupp vulnerabbli a skapitu li jesponi professjonisti għal azzjoni kriminali) jista’ jingħad bil-maqlub għal din il-Paper, jiġifieri li sfortunatament il-Position Paper tipprova tiddefendi l-interessi tal-professjonisti a skapitu ta’ grupp vulnerabbli ta’ persuni.

5. Nagħmluha ċara li aħna m’aħniex favur xi telf ta’ indipendenza tal-professjonisti f’dan il-qasam jew li nikkriminalizzaw lil min hu ġenwin. Tabilħaqq lil dawn li jaħdmu b’mod ġenwin u b’etika professjonali nirringrazzjawhom tal-għajnuna u s-servizz li jagħtu lil persuni LGBTIQ u l-familjari tagħhom.

6.  Stennejna li l-Paper tgħid ċar u tond li EBDA orjentazzjoni sesswali mhi marda jew diżordni, u għalhekk wieħed m’għandux ifittex jew joffri fejqan.

7.  Ma stennejniex li l-Paper tgħid li din il-liġi tista’ tolqot ħażin lil min, minn jeddu, jrid ifittex terapija biex ibiddel l-orjentazzjoni sesswali jew il-ġeneru tiegħu. Imma stennejna li l-Knisja teduka lill-pubbliku li l-orjentazzjoni sesswali (hi liema hi) m’għandix tinbidel.

8.  Ma stennejniex li l-Paper tgħid ukoll li wieħed għandu dritt jibdel l-identità tal-ġeneru tiegħu. Fil-verità meta persuna trans tagħmel gender reassignment ma tkunx qed tibdel il-ġeneru tagħha imma tagħmel is-sess bijoloġiku li tkun ġiet imwielda bih jaqbel b’mod koerenti mal-identità tal-ġeneru interjuri li għandha. Din MHIJIEX conversion therapy. Il-counselling li jista’ jsir qabel ma ssir transizzjoni (li fil-fatt il-liġi ma tesiġiex bħala obbligu) mhuwiex biex jibdlek minn mara għal raġel jew bil-kontra imma biex qabel ma wieħed jagħmel il-pass serju tat-transizzjoni wieħed ikun jaf eżatt x’tinvolvi, jekk jafx biżżejjed lilu nnifsu, jekk jafx il-konsegwenzi, x’inhuma l-istadji, biex jingħata kunsens infurmat, eċċ. Din mhijiex il-conversion therapy li qed nitkellmu dwarha. Il-membri tal-bord ta’ esperti li kiteb il-Paper messhom jafu aħjar. L-abbozz qed jitkellem dwar persuni gay jew trans li jmorru għand professjonista li jipprova ‘jfejjaq’ lil dak li jkun mill-omosesswalità jew mit-transesswalità tiegħu. Din hi t-tip ta’ terapija li qed nitkellmu dwarha u li m’għandhiex tibqa’ ssir. Ftit naraw skop, għalhekk, għal dawk il-kwotazzjonijiet mill-Qorti Ewropea li ssemmew fil-Paper.

9.  Ma stennejniex li l-Paper tgħid (paragrafu 7b) li persuna tkun trid jibdel l-orjentazzjoni sesswali għal raġunijiet reliġjużi. Persuna tista’, għal raġunijiet reliġjużi, tibdel l-imġiba sesswali tiegħu/tagħha, kemm jekk tkun gay kif ukoll jekk hu/hi straight. Sfortunatament, persuna tista’ wkoll tipprova tirreprimi s-sesswalità tagħha. Madankollu ntennu, wieħed ma jistax jibdel l-orjentazzjoni sesswali tiegħu/tagħha. Għaliex il-Knisja se tkompli tipprova tagħti ‘tamiet foloz’ u skorretti, donnha trid tiddefendi ’il min jippromwovi dawn il-conversion therapies? Ta’ min ngħidu wkoll li huwa proprju għal raġunijiet reliġjużi li wieħed m’għandux jipprattika l-conversion therapy, ġaladarba l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru interjuri huma rigal mogħti minn Alla, u kwalunkwe terapija għandha jkollha biss l-għan li tgħin lill-persuna jħaddan b’serenità dak li l-Mulej ikun tah.

10. Il-conversion therapy ma tinkludix direzzjoni spiritwali lil persuni (gay jew straight) li jridu jgħixu ħajja ċelibi. L-iskop tal-conversion therapy mhux li tibdillek l-imġiba imma li tipprova tibdillek l-orjentazzjoni sesswali tiegħek.

11. Ma stennejniex li l-Paper issemmi l-pedofilija bħala eżempju fost il-‘grey areas’. Huwa sorprendenti kif bord ta’ esperti (li jinkludi wkoll psikologu) ma jafx li m’hemm l-ebda konnessjoni bejn pedofilija u omosesswalità u li fil-fatt huma żewġ affarijiet li m’għandhomx x’jaqsmu bejniethom.

12. Ma stennejniex li l-Position Paper tagħmel konnessjoni bejn l-omosesswalità u t-trawmi tat-tfulija, minħabba li dan jimplika li l-omosesswalità hija frott ta’ żvilupp ħażin jew irregolari. Li kieku raġel straight bata minn dawn l-istess trawmi, konna nfittxu li nfejquh mill-eterosesswalità b’konessjoni mat-trawma?

13. L-eżempju li ssemma’, ukoll fil-‘grey areas’, ta’ persuna bisesswali li tkun miżżewġa juri nuqqas ta’ għarfien ta’ din ir-realtà u jikkonferma kemm kien ikun aħjar kieku fost il-membri tal-bord tal-esperti kien hemm persuni LGBTIQ.

14. Nifhmu wkoll li jista’ jkun hemm aspetti mill-Abbozz tal-Liġi li jistgħu u għandhom jiġu kkjarifikati sabiex ma jkunx hemm diffikultajiet għall-professjonisti fil-ħidma tagħhom. Għalhekk nħeġġu aktar djalogu f’dan ir-rigward.

15. Hu b’dispjaċir naraw li b’din il-Position Paper il-Knisja ma bniet l-ebda pont mal-persuni LGBTIQ u l-familjari tagħhom f’Malta. Anzi, il-Knisja pjuttost kompliet tibni ħajt. Drachma diversi drabi kellha tiltaqa' ma' persuni mkissrin u li għadhom iġorru l-ħsara li saritilhom b'riżultat ta' mentalità bħal din u ta' dawn is-suppost terapiji. Għaldaqstant, b’umiltà, Drachma tibqa’ dejjem miftuħa għal djalogu ma’ kulħadd u toffri din l-istedina tagħha anke lill-Arċisqof u lill-Knisja f’Malta. Drachma dejjem lesta li tagħti l-kontribut tagħha f'każ li tintalab li tagħmel dan.




Chris Vella                                                       Joseanne Peregin
Koordinatur                                                    Koordinatriċi
Drachma LGBTI                                               Drachma Parents Group


          Il-Ħadd, 21 ta’ Frar 2016






 

No comments: