06 March 2019

Gay titwieled jew issir?

Gay titwieled jew issir? Qed insaqsik din id-domanda għax hawn min hu tal-opinjoni li wieħed jaqleb gay għall-gost u biex ikun ipprova kollox f'ħajtu...


Din hija mistoqsija li kont nisma u nistenna ħames snin ilu jew ftit iktar meta forsi kien hawn ħafna inqas awareness mil-lum, anke minħabba li ma kienx hemm l-istess frejmwerk legali ta’ drittijiet bħal ma’ hawn illum. Wara dibattitu sħiħ li kellna f’pajjiżna meta qamet il-kontroversja dwar il-Conversion Practices fl-2016, kont naħseb li mistoqsija bħal din kienet sorvolata. Mid-dehra, il-fatt stess li qed issir din il-mistoqsija, u l-fatt ukoll li qamu wkoll ċerti reazzjonijiet favur il-Conversion Practices fuq il-midja, turi kemm fil-fatt, inbidlu l-liġijiet, imma l-mentalità ghadha ma nbiddlitx ghal kollox, u ghal xi uhud baqgħet fejn kienet, u ċerti ideat u misinformazzjoni għad għandhom għeruq fondi.

Illum ix-Xjenza mxiet ħafna u qed turina li l-orjentazzjoni sesswali hija realtà minnha nniffsha u mhix kwistjoni ta’ għażla, jew ta’ aptit, jew xi moda jew trend. Huwa minnu li x-Xjenza għadha ma waslitx b’mod konklussiv għal kollox biex tispjega l-oriġini proprja ta’ dan l-aspett fis-Sesswalità tagħna. Imma naħseb ix-Xjenza tal-Psikoloġija u s-Sesswoloġija llum huma ħafna ċari li din hija naturali u li tiżviluppa fil-bniedem fil-kors tal-ħajja tiegħu. Għalhekk, hemm min jagħraf li hu eterosesswali, u hemm min, jagħraf li hu/hi gay, lesbjana jew bisesswali. Din għalhekk mhix kwistjoni ta’ moda, aptit jew għażla, imma realtà umana. Ħadd ma jqum fil-għodu u jgħid, ‘Illum ħa nkun gay’, jew ‘għada ħa nkun eterosesswali’. Ma tistax illum tkun ‘gay’ u min rajk, jew bl-għajnuna ta’ xi 'prattiċi', ssir eterosesswali. Jista’ jkun, li tkun għadek qed tfittex, biex anke tifhem lilek inniffsek. Huwa wkoll fatt li s-sesswalità ta’ kull bniedem tevolvi u tiżviluppa iktar ma jagħraf lilu nniffsu u jikber f’dan l-għarfien. Imma din mhux xi swiċċ, jew xi ħaġa li b'xi prattika ta' konverżjoni tista’ tinbidel. Min jagħmel dan, jew forsi biss jipprova jagħmel dan, ikun qed jagħmel ħsara kbira lilu nnifsu jew lilha nnifisha fl-aħħar mill-aħħar.

Irrid ukoll ngħid, li min jargumenta li xi ħadd jiddeċiedi li jsir gay biex ikun tal-moda jew sempliċiment għal gost jew biex tipprova kollox, ikun qed jinsa fatt li għadu reali llum, u li kien iktar fl-imgħoddi: li tkun gay iġġib magħha – sfortunament – element ta’ stigma, preġudizzju u ukoll ċertu tbatija psikoloġika – għax qed ngħixu f’soċjetà, li fil-qalbha tagħha, għadha m’aċċettatx verament lil persuni LGBTIQ. L-aktar li wasslet hija li tittollerahom. Il-fatt stess li qed nitkellmu fuq dan il-livell juri kemm għadha sfida – għaliex sa issa stess irrid niġġustifika li neżisti u li jien dak li jien!

(Adattament ta' parti minn Intervista li saret fuq Il-ġurnal Il-Kulħadd, f'Diċembru 2018)

No comments: