18 May 2014

"Il-Knisja hija kbira biżżejjed biex tilqa' lil kulħadd" - L-Isqof Scicluna


"Li wieħed jilqa’ lill-ieħor kif inhu hija espressjoni għolja tal-imħabba." Dan qalu l-Isqof Awżiljarju Monsinjur Charles J. Scicluna waqt quddiesa fil-Knisja tal-Lunzjata fl-Imdina, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-omofobija u t-transfobija.

Waqt l-omelija, Monsinjur Scicluna qal li hemm bżonn ninħelsu mill-omofobija li ddeskriviha bħala “pjaga.” Qal li l-ewwel vittma tal-Omofobija hija dik il-persuna li tiskopri esperjenza differenti u li ssibha diffiċli taċċettaha.

L-Isqof Scicluna talab biex kull minn jiskopri li hu differenti ma jibżax jaċċetta lilu nnifsu. Talab ukoll biex fil-Knisja u fis-Soċjetà, l-imħabba li wieħed jilqa’ lill-ieħor kif inhu ssir dejjem iżjed realtà.

Monsinjur Scicluna fakkar fl-istedina ta’ Ġesù li kulħadd huwa msejjaħ biex isir qaddis. Fakkar lill-persuni gay, li l-qdusija hija għalihom ukoll għax l-Evanġelju huwa universali. Spjega li Ġesù ma jwarrab lil ħadd għax hu ġie biex isalva lil kulħadd.

L-Isqof Awżiljarju talab għal dawk iż-żagħżagħ li beżgħu li mhux se jkunu milqugħin. Ftakar ukoll fil-ġenituri u stedinhom jersqu lejn Alla meta qalbhom titħawwad. Fl-aħħarnett talab ukoll għall-konfessuri li jiltaqgħu ma’ persuni dgħajfa, biex qatt ma jagħlqu widnejhom u jilqgħu lil kulħadd.

Stieden lil dawk preżenti għaċ-ċelebrazzjoni biex jagħmlu għalihom il-kelmiet ta’ Ġesù: “La tibżgħux,” filwaqt li fakkar li “l-Knisja hija kbira u għandha post għal kulħadd.”


Il-Quddiesa kienet organizzata mill-grupp Drachma