Miktuba minn Lawrence Attard
Għasfur ġwejjed
Li tittajjar
Kull filgħodu malli tqum;
Tibni l-bejta
Għall-frieħ tiegħek,
Tal-Mulej kapulavur.
Inti tgħanni
Bla ma tehda
l-għana tiegħek
mimli ġmiel.
Jien nisimgħek
‘il ruħi tgħolli
Lejn is-sema
Kbir, kaħlan.
♢ ♢ ♢
Għasfur ċkejken
Int tgħallimni
Nafda f’Alla,
Il-Ħallieq.
Kulma nixrob,
Kulma niekol,
Dak li nilbes
Jieħu ħsieb.
Ħarsu naqra
Lejn l-għasafar;
Qatt ma jbatu
l-għatx u l-ġuħ
għax Missierhom li ħalaqhom,
ta’ ħajjithom
jieħu ħsieb.
♢ ♢ ♢
U jiena daqsxejn ta’ bniedem
Kemm ninkwieta għall-futur
Bla nieqaf ftit minuti
Bla ma nsib dan is-serħan.
Għandi moħħi jiġri bija
Fuq elf ħsieb ikolli nkwiet
Imma meta nara lilek
Int tgħallimni nħobb bis-sħiħ
U fiH jiena, nafda u nemmen
Anki jekk għal mument biss.
Għasfur ġwejjed, kompli għanni
Ibni l-bejta għall-frieħ sbieħ
Għinni ħalli ‘l fuq inħares
Lejn ġmiel l-ikħal tas-smewwiet.
♢ ♢ ♢