Niftakar l-ewwel darba li mort għall-laqgħa. Kont ġà ltqajt mal-koordinatur tal-Grupp u kien spjegali kif taħdem id-dinamika ta’ Drachma. Kont iltqajt miegħu wara li d-direttur spiritwali tiegħi kien issuġġerieli biex nissieħeb magħhom. Għax, għandkom tkunu tafu li jien għandi problema ... kif naqbad ngħid ... jien gay.
Għamilt snin twal naħbiha u nipprova nagħmel tabirruħi li jien straight. Kont nibża’ minn ilsien in-nies. Wara kollox kelli xogħol rispettabli u ma ridtx li n- nies jaħsbu li jien kont xi kriminal jew agħar xi pedofilu! Imma forsi l-ikbar biża’ tiegħi kienet li nitlef ruħi. Jien lil Alla nħobbu, u nixtieq ngħix b’mod normali, imma kif nista’ nagħmel hekk, jekk dak li nħoss hu ħażin? Min jaf kemm il-darba staqsejtu lil Mulej, imma għaliex, għaliex għamiltni gay? Għaliex tajtni dan il-kastig? Għaliex tajtni din is-saħta??? Kont wasalt f’punt li emmint dik id-diċerija dwarna l-gays li ma tistax tkun gay u nisrani, minkejja li jien qatt ma għixt ħażin.
Imtaqqal kif kont b’dawn il-mistoqsijiet li l-ħin kollu kienu jberrnu f’moħħi, kont mort minn qassis għall-ieħor. Kien hemm minnhom li fehemni. Kien hemm oħrajn li kliemhom minn fuq l-ambone ferini. Sakemm sibt lil dan il-qassis ta’ veru, li kien hu stess li qalli: ħabib, għaliex ma tmurx għand Drachma? Dawk nies bħalek huma, u bħalek qegħdin jippruvaw iħollu din l-għoqda tal-omosesswalità!
B’tama kbira biex forsi nsib xaqq ta’ dawl f’ħajti, ċempilt in-numru li sibt miktub fuq il-websajt tal-grupp: drachmalgbt.blogspot.com. Il-leħen li weġibni kien ġentili, kien kalm, vuċi li tassigurak. U malajr ftehemt biex niltaqa’ miegħu u qsamt miegħu il-ħafna biżgħat, tamiet, dubji u xewqat li kont ili nostor f’qalbi. Ma sibtx għajnejn iebsa lesti biex jikkundannaw. Ma sibtx bniedem jferfer subgħajh lejja biex iċanfarni. Imma sibt min jismagħni u lest li jakkumpanjani. Stedinni għalhekk għal-laqgħa tal-Grupp.
Niftakar dik l-ewwel laqgħa u niftakar l-iktar il-biża’ li kelli. Issa jekk xi ħadd jarani barra fit-triq? U jekk jindunaw? U jekk jarawni li kont magħhom?
U dħalt għal dik l-ewwel laqgħa u minn hemm ma ħaristx lura.
Bdejt vjaġġ biex niskopri iktar lili nniffsi, u biex nifhem iktar xi jrid Alla minni. Immaġinajtni bħad-dixxipli ta’ Emmaws huma u sejrin lura d-dar mifxulin fuq il-mewt ta’ Ġesù, u l-Mulej ġie u qagħad magħhom u spjegalhom bil-paċenzja kollha. Jien ukoll kont bdejt interraq f’din it-triq, u ftit stajt nifhem. Jien ukoll kont mifxul u jien ukoll ma kontx nista’ nifhem għala ħajti kienet kif kienet. U fi Drachma sibt persuni jisimgħuni, u jterrqu l-istess triq miegħi, bis-sabar kollu. Alla jaf kemm sigħat għamilt mal-membri tal-grupp, nibbumbardjahom b’mistqosijiet, u huma bil-paċenzja kollha, jisimgħuni u jgħinuni. Fuq kollox sibt spjazju sigur fejn kont naf li mhux sa nsib persuni li jippruvaw jabbużaw mill-fiduċja tiegħi jew jippruvaw ikissruni. Ħaġa li baqgħet timpressjonani kienet is-sens ta’ libertà ġenwina li ħassejt fi ħdan Drachma. Iva, ħassejtni liberu li nfittex, nesplora u nifhem iktar mingħajr biża’ ta’ kundanni jew ta’ xi ħadd li joqgħod jittikkja biex jara kemm mil-listi tad-dommi ma kontx naqbel magħhom. Għalhekk waħdi, mingħajr ebda pressjoni, aċċettajt li l-omosesswalità kienet tassew rigal li Alla tani. Irrealiżżajt kemm kienet tixbah lil dak it-talent li l-qaddej ingħata mingħand Sidu imma li hu pprefera jaħbih flok ma jiżviluppah. Jien hekk kont għamilt b’dan id-don u ara issa, meta skoprejtu mill-ġdid, fhimt kemm stajt inkun bniedem aħjar għalija nniffsi u għall-oħrajn. Il-coming out tiegħi, għad li ma kienx faċli, kien ħafna inqas diffiċli. Imma fuq kollox, fi Drachma kont sibt familja. Illum ma niddejjaqx nistqarr li jien gay u nisrani, għax nemmen li l-Mulej iħobbni u jridli l-ġid mhux minkejja li jiena gay, imma proprju għax jien gay!
U x’inhi allura Drachma?
Drachma hija għaqda ta’ persuni LGBTI, u anke nies oħrajn li jiltaqgħu sabiex jgħinu lil xulxin fl-integrazzjoni tas-sesswalità u l-ispiritwalità. Twaqqfet fl-2004 minn grupp ta’ żgħażagħ li bdew din il-mixja flimkien fost diversi diffikultajiet u sfidi. Kien hemm bla dubju dawk li għalihom l-omosesswalità u r-reliġjon kienu jidhru inkompatibli. Oħrajn li forsi ħasbu li Drachma hija xi dating agency għall-persuni gay, jew sempliċiment xi social club. Għad li norganiżżaw laqgħat soċjali bejnietna, l-iskop ewlieni tal-grupp jibqa’ li nakkumpanjaw lil xulxin fil-mixja tal-ħajja, fuq livell spiritwali u soċjali wkoll. Matul is-snin ġibna f’Malta numru ta’ teologi u kelliema ta’ fama internazzjonali, inklużi t-teoloġi rinomati James Alison, Margaret Farley u Jeanine Grammick, kif ukoll l-attur u drammaturgu Amerikan Peterson Toscano li ppreżenta x-xogħlijiet tiegħu f’Malta. Kienet proprju wara t-taħdita ta’ Grammick, li grupp ta’ ġenituri waqqfu l-grupp ta’ Drachma Parents Support Group. Illum bejn iż-żewġ gruppi hemm madwar 130 persuna li huma involuti fil-Kommunità ta’ Drachma.
Drachma LGBTI hija l-fergħa tal-persuni LGBTI u jiltaqgħu numru ta’ drabi matul ix-xahar, filwaqt li l-ġenituri jiltaqgħu kull tielet Ħamis tax-xahar, fis-7.30pm fid-Dar Mount St Joseph. Għal aktar informazzjoni żur is-sit drachmalgbt.blogspot.com jew ċempel 79253875.
Chris Vella
Drachma LGBTI