06 July 2014

EŻAMI TAL-ĦAJJA

By Laurence Attard

Kull qatra tgħodd
Timla l-ġarra sax-xfar
Mument wara l-ieħor
l-arloġġ jibqa’ jdur
sakemm jieqaf –
u ruħi mifnija
issib hena ġdida
għal dejjem.

Il-qniepen qalbiena
Il-moti idoqqu
Jfakkruni li ħajti
Bla tmiem.
U jien u nissielet
Fl-istorja ta’ ħajti
Nimtela b’kuraġġ
Għax se ngħix għal dejjem.

F’nofs l-hena t-tbatija
Mal-ħelu il-morr
‘ma tibqa’ stedina
Qawwija, profonda :
“Int imxi warajja
U qalbek taqtax.”

X’kuraġġ dak il-leħen
Hekk qawwi, hekk sod :
“Inħobbok, int ibni
Qed nerfgħek, tibżax.
Jien ragħaj qalbu ħelwa
Li nerfa’ n-nagħġiet.
Lil dawk l-aktar dgħajfa
Ma qalbi nagħfashom,
Nimlihom b’kuraġġ.
Inqawwi l-qalbiena,
Inżommhom fis-sod.”

Bħal ajkla fix-xagħri
Nittajjar kuntent
Għax int hekk qrib tiegħi
Ma’ sidrek tħaddanni
B’imħabbtek timlini
Għal dejjem Mulej.