20 May 2008

Bieb magħluq, L-Orizzont


minn Diane Xuereb


Ftit tal-jiem ilu “Drachma”, għaqda ta’ talb ifformata minn grupp ta’ Kattoliċi ‘gay’, organizzat laqgħa ta’ talb biex tfakkar il-Jum Dinji kontra l-Omofobija. GAETANO MICALLEF tkellem ma’ DIANE XUEREB, waħda mill-membri ta’ l-għaqda, dwar kif persuni ‘gay’ iħossuhom fil-Knisja Kattolika.

Għaliex twaqqfet id-Drachma?L-idea nibtet minn wieħed li ħareġ bl-idea li jifforma grupp ta’ persuni ‘gay’ u Kattoliċi li jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jitolbu flimkien ħalli b’hekk jintegraw is-sesswalità tagħhom ma’ l-ispiritwalità.

L-isem “Drachma” ġej mill-parabbola “Id-Drachma Mitlufa” li tittratta t-telf u s-sejba ta’ munita. Għax Drachma kienet munita Griega ta’ l-antik. Ħassejna lilna nfusna mitlufin fl-ispiritwalità tagħna ma’ Ġesù imma nemmnu li issa sibna rwieħna.


Għaliex waqqaftu dan il-grupp ta’ talb meta gruppi ta’ talb diġà jeżistu?

Għax l-għan tal-gruppi l-oħrajn m’huwiex li jintegraw l-ispiritwalità mas-sesswalità tagħhom. Ma kellhomx ‘issue’ … ma kellhomx domandi … ma kinux iħarsu lejn Krisu jew il-Knisja b’domanda … m’humiex meqjusin bħala bnedmin.


Imma intom tħossukom midinbin?

Jien le imma hemm Kattoliċi ‘gay’ li iva. L-ewwelnett il-Knisja, bl-istand tagħha vis-à-vis il-‘gays’, tagħti x’tifhem li l-omosesswali għandhom xi ħaġa ħażina fihom. Qisha xi diżordni. Mela min hu Kattoliku jista’ jħoss li l-omosesswalità, jew att sesswali bejn tnejn ‘gay’, hija dnub.

Ma nafx kemm hawn nies li jħossuhom hekk, imma ftit ilu kont qiegħda nitkellem ma’ wieħed u qalli proprju dan id-diskors: li jħossu li qed jagħmel dnub. L-għaqda tagħna mhux qiegħda hemm biex tipprova tbiddel il-mentalità ta’ l-individwu, imma biex nifhmuh u nispjegawlu dak li nħossu.
Imma tista’ tkun Kattoliku u ‘gay’?

Fuq livell personali ngħid li iva b’ittri kapitali.

Anke meta għandek il-Knisja li ma taċċettakomx kif intom?Kont ixxurtjata biżżejjed li ltqajt ma’ soru barranija, Sister Jeanine, li għenitni nafferma s-sesswalità tiegħu vis-à-vis Ġesù u tatni ċerta paċi …
X’jiġifieri “tafferama s-sesswalità tiegħek vis-à-vis Ġesù”?

Għax urietni t-triq u anke tatni kotba dwar l-omosesswalià u l-Knisja. Hemm teoloġi kbar Kattoliċi li ma jaqblux bejniethom fuq dan is-suġġett. Hemm dokument maħruġ mill-Vatikan fejn jgħid li l-Kattoliku jista’ jaġixxi skond il-kuxjenza tiegħu. Mela l-Knisja Kattolika qiegħda tgħid: “Agħmel dak li tħoss dak li huwa tajjeb skond il-kuxjenza tiegħek.” Jiġifieri l-Knisja wkoll tagħtik il-‘loopholes’.

Imma l-Knisja tfisser l-omosesswali bħala “eterosesswali difettużi”. Ma ddejqekx din il-frażi? Ma ddejqekx li l-Knisja ma taċċettax żwieġ bejn l-omosesswali u li jrabbu t-tfal?

Il-Knisja taċċetta lill-omosesswali. Taċċettah f’darha u ma taċċettax min jiddiskrimina fil-konfront tagħhom. Imma mingħajr ma riedet, ħolqot ħafna mibegħda. Għax bl-ittri li kitbet ħolqot pożizzjoni fejn nies fundamentalisti Kattoliċi qegħdin jużaw il-kliem tagħha litteralment. U qegħdin jużaw kwotazzjonijiet mill-Bibbja litteralment. Allura ikun hawn anke qtil u ‘bullying’ fl-iskejjel kontra l-omosesswali.

Jiena parti mill-Knisja u nħobb lill-Knisja. Imma għamlet ċerti affarijiet li ħolqot dawn l-affarijiet. Mhux għax riedet. Ovvjament kellha tpoġġi lilha nnifisha f’pożizzjoni fejn tieħu ċerti ‘stands’ għax jekk temmen f’ħaġa, ma tistax tippriedka xi ħaġa oħra.

Ma nħossnix midinba għax barra li t-teoloġi ma jaqblux ma’ xulxin, fuq il-pulptu qassis jgħidlek mod u wiċċ imb’wiċċ jgħidlek mod ieħor.

X’jiġifieri?

Fuq il-pulptu jippriedkalek li huwa ħażin u li ma jistax ikollok att sesswali bejn persuni ta’ l-istess sess, għax mhux naturali jew għax huwa barra miż-żwieġ u ż-żwieġ huma magħmul għal nies tas-sess oppost. Mentri barra, qalu mod ieħor. Personalment iltqajt ma’ qassisin li fuq il-pulptu qalu mod u f’wiċċi qaluli mod ieħor.

X’qalulek wiċċ imb’wiċċ?

Li kważi kważi mhux qiegħda nidneb … li qiegħda nagħmel dak li huwa naturali għalija.

Anke li tgħix ma’ persuna ta’ l-istess sess u tagħmel is-sess ma’ persuna ta’ l-istess sess?

Iva. Ovvjament m'iniex se nsemmi l-ismijiet tal-qassisin.

Imma kif tista’ tħossok parti minn għaqda li bil-kliem tagħha tweġġa' lil nies bħalek? Tħossok imweġġgħa mill-Knisja?

Dażgur li nħossni mweġġgħa mill-Knisja. Għax jiena parti minnha. Il-Vatikan dejjem poġġa lilu nnifsu ’l fuq u aħna ’l isfel. Jiġifieri d-djalogu u l-konversazzjoni dejjem minn fuq għal isfel. Aħna u huma. U dik tweġġagħni. Għaliex m’hemmx djalogu kontinwu bejnietna? Għaliex qegħdin jibżgħu daqshekk jiltaqgħu magħna, biex jidħlu fil-profond tagħha? Aħna nies li nħobbu bħal ħaddieħor … li noħolmu bħal ħaddieħor … li konxji minn dak li qed jiġri madwarna bħal ħaddieħor. Forsi sforz id-diskriminazzjoni li qed ikun hawn madwarhom. Aħna nies li nħossu bħal ħaddieħor.

Għaliex bqajt fil-Knisja Kattolika meta ma taċċettakx kif inti?

Għax inħobb il-Knisja u nħossni parti minnha. Ma mmurx quddies imma ma mmurx mhux minħabba li jiena ‘gay’, imma għax il-mod kif tiġi ċċelebrata ma nħossx li hija attraenti. Għadni kif ġejja minn konferenza barra minn Malta u mort għal quddies fi Knisja Anglikana, li kienet iċċelebbrata minn reverendu mara. Ħassejtni nipparteċipa u nitlob ta’ veru. Damet siegħa u nofs mhux 45 minuta. U ma ridthiex tispiċċa. Il-mod kif niċċelebraw il-quddies f’Malta huwa ġeneralment monotonu. Mill-ħalq u mhux mill-qalb.

Ma rridx nitlaq mill-Knisja wkoll għax inħoss li għandi dmir lejn sħabi, anke dawk li ma nafx, biex l-20 sena li fihom batejt jien ma jgħaddix minnhom ħaddieħor. Għax 20 sena domt biex naċċetta lili nnifsi. Daqshekk domt nitlob ’l Ġesù: “Isma, int għadek tħobbni? Hemm post għalija fil-Ġenna? Jekk niltaqa’ ma’ mara u jkolli x’naqsam magħha taċċet-tani?” Għax jien l-iktar ħaġa li rrid hija li mmur il-Ġenna.

Ġejt f’din l-art u għada pitgħada nitlaq. Jiġifieri dak li nagħmel illum responsabbli għalih għada.Kienet ġlieda kbira. Niftakarni fil-kappella ta’ l-Università lanqas inħares lejn is-salib. U nimmaġina li hawn nies bħali. Mela jekk jien, f’dawn l-20 sena, ħassejt din il-ġlieda, nixtieq ngħin lil ħaddieħor jiffaċċjaha.

Għedt li tħobb il-Knisja. Tħoss li l-Knisja tħobbok?

Allaħares le. Naħseb li iva.

Ħafna omosesswali jħossuhom jitbegħdu mill-Knisja bil-mod kif din titkellem fil-konfront tagħhom?

Dik żgur.

Allura lilek ma timbottakx?

Tbiegħdni imma fl-istess ħin fid-“Drachma” qegħdin naħdmu biex niftħu konversazzjoni mal-Knisja. Għakemm tbiegħdni u ma naqbilx ma’ dak li tgħid, mhux se naqta' qalbi u nitbiegħed iktar. U nista’ nagħmel xi ħaġa billi permezz ta’ din l-għaqda nipprovaw nersqu iktar lejn il-Knisja. Aħna bl-ebda mod ma rridu nattakkaw lill-Knisja … ma rridux niġ-ġieldu magħha … ma rridux immeruha … ma rriduhiex taħseb li qegħdin nippro-vaw inwaqqgħuha għaċ-ċajt. Xejn minn dan. Għax inħobbha nħoss li għandha tiftaħ il-bieb tagħha lejna ħa nitkellmu.

Taqbel li ‘gay’ għandu jitħalla jsir qassis?

Jekk raġel ‘gay’ jixtieq isir qassis, m’għandu jsib l-ebda ostaklu. Jekk raġel iħoss il-vokazzjoni li jsir qassis, imbilli huwa attirat lejn nies ta’ l-istess sess ma jfissirx li ma jistax jagħmel xogħlu sew. Wara kollox jekk tħossok miġbud għas-saċerdozju u int ‘straight’, mhux xorta għandek attrazzjoni fiżika lejn mara oħra? Mhux xorta tista’ tagħmel dnub?

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=44335

No comments: