16 October 2014

Kumment lill-Midja dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma f’Ottubru 2014

Drachma (Drachma LGBTI u Drachma Parents Group) tilqa’ b’mod pożittiv l-iżviluppi li qed isiru fil-Knisja Kattolika, partikolarment fis-Sinodu tal-Isqfijiet li qed jitlaqqa’ f’Ruma f’dawn il-jiem. Drachma, kif ukoll l-Forum Ewropew ta’ Insara LGBT, iħarsu lejn ir-Relatio (id-dokument tas-Sinodu) bħala bidla pożittiva fl-attitudni tal-Knisja lejn persuni LGBTI u tapprezza l-bidla fit-ton u l-lingwa/terminoloġija wżata fil-konfront ta’ persuni LGBTI. Naprezzaw ferm li għall-ewwel darba l-Knisja Kattolika qiegħda tirrikonoxxi li persuni LGBT huma sors ta’ għana għall-Knisja u għall-kommunita’ nisranija. Napprezzaw ukoll ir-rikonoxximent tal-Knisja li relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess għandhom valur, speċjalment meta wieħed jikkonsidra s-sagrifiċċju u l-għajnuna reċiproka li persuni gay jafu jagħtu lil xulxin f’dawn it-tip ta’ relazzjonijiet. Naprezzaw ukoll li l-Knisja fl-aħħar qed tirrealizżża l-bżonn ta’ aktar ħidma pastorali ‘umana’ ma’ persuni gay u l-familji tagħhom. Huwa ferm pożittiv li r-Relatio ma jitħaddidtx b’diskors ta’ ‘dnub u ‘diżordni intrinsika’, imma jfittex li jħares lejn dawn ir-realtajiet b’sensittivita’ u b’rispett ġenwin lejn persuni LGBT.

Drachma tapprezza wkoll il-kontribut siewi li l-Isqof Mario Grech għamel waqt is-Sinodu. Bi pjaċir niftakru fin-numru ta’ laqgħat ta’ djalogu li Drachma kellha mal-Isqof Grech, kif ukoll mal-Isqof Scicluna u l-Arċisqof Cremona matul din l-aħħar sena. Apprezzajna li f’dawn il-laqgħat, l-Isqfijiet kienu lesti jisimgħu l-karba sinċiera ħierġa mill-qalb ta’ tant persuni gay, u ta’ tant ġenituri ta’ persuni gay li jippruvaw jintegraw s-sesswalita’ u l-ispiritwalita’ tagħhom, għalkemm sikwit b’ħafna tbatija. Infakkru fil-preżenza tal-isqof Scicluna waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa fl-okkażżjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija f’Mejju 2014. Iżda, fuq kollox f’dawn il-jiem napprezzaw b’aktar qawwa l-kliem tant kuraġġuż u mimli mogħdrija u umanita’ tal-Isqof Grech waqt dan l-istess Sinodu. Naraw ħafna riżonanza fil-kliem u fl-ispirtu tad-diskors ta’ Monsinjur Grech mal-kontenut ta’ ittra li Drachma Parents ppreżentaw lill-Isqof Grech fi Frar 2014 b’suġġerimenti għas-Sinodu tal-Isqfijiet. Aħna m’għandniex dubju li dawn il-laqgħat mal-Isqof Grech, kif ukoll mal-Isqfijiet l-oħra Maltin, għinu u jkomplu jgħinu biex il-Knisja f’Malta tkun pijoniera f’dan il-qasam u ssir aktar post akkoljenti għall-persuni gay, waqt li tgħin biex f’pajjiżna u fil-kommunitajiet ekkleżjali Maltin igħib kull forma ta’ diskriminazzjoni u kull diskors iebes u insensittiv lejn persuni LGBT. Inħarsu ‘l quddiem lejn żmien fejn kull persuna, indistintament mill-orjentazzjoni sesswali u mill-ġeneru tiegħu jew tagħha, tħossha komda fil-knejjes u l-parroċċi tagħna u tingħata ċ-ċans li tkun attiva pastoralment f’dawn l-istess kommunitajiet. 

Aktar kmieni f’dan ix-xahar, Drachma attendiet għal konferenza f’Ruma organiżżata mill-Forum Ewropew ta’ Nsara LGBT bl-isem ‘Ways of Love’, li fiha kien mistieden biex jitkellmu fost l-oħrajn James Alison, teologu Kattoliku magħruf u kittieb ta’ bosta kotba li jitrattaw it-tema ta’ spiritwalita’ għall-persuni LGBT. Bi pjaċir ngħarrfu lill-publiku li Drachma ser tospita lil James Alison f’Malta f’Novembru li ġej (24-29 Novembru 2014). F’din l-istess konferenza, tkelmet ukoll omm Maltija ta’ persuna LGBT, li hija ko-fundatriċi u kordinatriċi ta’ Drachma Parents Group. Hija tat l-esperjenza tagħha bħala omm nisranija, kif ukoll tat kelma ta’ kuraġġ lil tant ġenituri biex iħarsu bi mħabba lejn uliedhom kollha, inkluż dawk li huma gay.

Fl-istess ħin, Drachma, kif ukoll il-Forum Ewropew tal-Insara LGBT, jixtiequ juru t-tħassib tagħhom għall-fatt li fir-Relatio, il-Knisja introduċiet it-terminoġija fundamentalista tal-‘Ideoloġija tal-Gender’, li fil-fehma tagħna ma jistax jagħmel ġid. Inħossuna wkoll imħassba li l-kwistjoni tal-kriminaliżżazzjoni tal-Omosesswalita’ f’ħafna pajjiżi (speċjalment fl-Afrika) lanqas biss ġiet imsemmija, speċjalment meta hemm tant pajjiżi fid-dinja li jaħqru, jippersegwitaw u saħansitra joqtlu persuni LGBT minħabba l-orjenazzjoni sesswali tagħhom jew il-ġeneru tagħhom. Inħossu li l-Knisja għandha tafferma lilha nniffisha bħala difensur tad-drittijiet umani kollha, inkluż ta’ persuni LGBT. Aħna konxji li sfortunament hawn numru ta’ isqfijiet u saċerdoti li ppromovew diskors ta’ mibegħda u anke taw appoġġ għal liġijiet li jikkriminaliżżaw l-omosesswalita’. Nemmnu li l-knisja għandha titkellem ċar u dan huwa neċessarju sa biex l-prinċipju ta’ ġustizzja lejn persuni marġinaliżżati jkun dejjem imsaħħaħ aktar.

Dan hu żgur mument pożittiv għall-Knisja u għall-kommunita’ ta’ persuni LGBT nsara u l-familji tagħhom. Nirringrazzjaw lil Alla li għadu jgħanni lill-Knisja bl-ispirtu qaddis tiegħu biex tkompli tifhem u tiġġedded fid-dawl tas-sinjali ġodda taż-żminijiet. Nibqgħu fiduċjużi li minn dan il-bidu sabiħ f’dan is-Sinodu, l-Knisja tkompli ssir familja li tilqa’ lil kulħadd u tagħti l-ispazzju lill-persuni li huma fil-periferija biex ikunu l-ġawhra u t-teżor li kienu minn dejjem għall-Knisja ta’ Ġesu’ Kristu.

Drachma – Drachma LGBTI u Drachma Parents Group
drachmalgbt@gmail.com
drachmalgbt.blogspot.com